Go to content

Political donations | Donazzjonijiet politiċi

On this page

Din l-informazzjoni ġiet tradotta fil-lingwi tal-komunità għal skopijiet edukattivi. Saru sforzi raġonevoli biex jiġu pprovduti traduzzjonijiet preċiżi, madankollu, l-ebda traduzzjoni mhi perfetta. It-test uffiċjali huwa l-verżjoni bl-Ingliż ta' din il-websajt.

Kwalunkwe diskrepanzi jew differenzi li jsiru fit-traduzzjonijiet m'għandhom l-ebda effett legali għal skopijiet ta' konformità jew infurzar. Jekk jitqajmu xi mistoqsijiet relatati mal-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fl-informazzjoni tradotta, irreferi għall-verżjoni Ingliża tal-materjali fuq din il-websajt li huma l-verżjonijiet uffiċjali.

Donazzjonijiet politiċi

Partiti politiċi, kandidati u individwi u organizzazzjonijiet oħra involuti fil-politika jew fl-elezzjonijiet jistgħu jitolbu donazzjonijiet jew forom oħra ta’ sapport, b’mod partikolari kif tkun qed toqrob l-elezzjoni.

Donazzjoni politika hija rigal magħmul lil, jew għall-benefiċċju ta’, partit politiku, membru elett tal-Parlament ta’ NSW jew ta’ xi kunsill lokali fi NSW, kandidat jew grupp ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Istat ta’ NSW jew tal-gvern lokali, jew persuna li tuża d-donazzjoni biex tidħol f'nefqa elettorali jew li tagħmel donazzjoni politika lil persuna oħra.

Hemm limiti fuq l-ammont totali li partit politiku, kandidat jew parteċipant elettorali ieħor ikun jista' jaċċetta minn donatur politiku f'sena finanzjarja. Dawn ‘il-limiti tad-donazzjonijiet’ huma aġġustati kull sena finanzjarja u huma ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW.

Meta jagħmel donazzjoni politika d-donatur jista' jintalab ismu u l-indirizz sabiex ir-riċevitur ikun jista' jikkonferma li d-donatur huwa  leġittimu u li d-donazzjoni tikkonforma mal-limiti tad-donazzjoni.

Tipi ta' donazzjonijiet politiċi

Donazzjonijiet politiċi huma donazzjonijiet għal elezzjonijiet tal-Istat ta’ NSW jew tal-gvern lokali, jew membri eletti tal-Parlament ta’ NSW jew kunsilli lokali.

Eżempji ta' donazzjonijiet politiċi jinkludu:

  • rigali ta’ flus

  • rigali mhux ta’ flus

  • servizzi b'xejn jew bi skont

  • kontribuzzjoni, miżata għad-dħul jew ħlas ieħor biex tipparteċipa fi, jew tibbenefika minn, attività jew funzjoni ta' ġbir ta' fondi

  • abbonamenti annwali jew oħrajn imħallsa lil partit politiku minn membru ta' partit, jew minn persuna jew entità għal skop ta’ affiljazzjoni mal-partit

  • imgħax mhux mitlub fuq self.

Donazzjonijiet politiċi fi NSW ma jinkludux:

  • legati

  • rigal magħmul biss għall-iskop ta' elezzjoni federali jew membru tal-parlament federali, jew elezzjoni barra minn New South Wales, jew membru elett barra minn New South Wales.

Donazzjonijiet politiċi rapportabbli

Donazzjoni politika rapportabbli hija donazzjoni li hija stmata għal $1,000 jew aktar. Dan jinkludi donazzjonijiet multipli magħmula mill-istess donatur lill-istess riċevitur f'sena finanzjarja li, b'kollox, huma stmati għal $1,000 jew aktar.

Persuna li tagħmel donazzjoni politika rapportabbli tissejjaħ donatur politiku maġġur.

Meta donazzjoni politika rapportabbli tiġi milqugħa minn partit politiku, membru elett, kandidat, jew parteċipant elettorali ieħor, għandha tinħareġ irċevuta lid-donatur politiku maġġur.

Għal donazzjonijiet mhux monetarji, jrid jinħareġ rikonoxximent lid-donatur politiku maġġur.

Donazzjonijiet politiċi żgħar

Donazzjoni politika żgħira hija donazzjoni politika ta' inqas minn $1,000.

Jekk isiru donazzjonijiet żgħar multipli lill-istess persuna f'sena finanzjarja jistgħu jsiru donazzjonijiet politiċi rapportabbli meta jingħaddu flimkien.

Donaturi politiċi għandhom jieħdu ħsieb li jżommu rekords preċiżi sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk għamlux donazzjonijiet żgħar multipli li, meta jingħaddu flimkien, jkunu saru donazzjoni politika rapportabbli.

Min jista' jagħmel donazzjonijiet?

Hemm regoli stretti fi New South Wales dwar min jista' jagħmel donazzjonijiet politiċi. Donatur għandu jkun:

  • individwu rreġistrat biex jivvota f'elezzjonijiet federali jew fi New South Wales għal elezzjonijiet tal-Istat jew tal-gvern lokali, jew

  • entità b'numru tan-negozju rikonoxxut mill-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (eż. ABN jew ACN), jew

  • individwu jew entità li ġiet approvata mill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW biex tagħmel donazzjonijiet politiċi.

Ċerti korporazzjonijiet, individwi u l-assoċjati fil-qrib tagħhom, huma pprojbiti milli jagħmlu donazzjonijiet politiċi.

Donaturi pprojbiti jinkludu:

  • żviluppaturi tal-propjetà

  • entitajiet ta' negozju tal-industrija tat-tabakk

  • entitajiet ta' negozju tal-industrija tax-xorb alkoħoliku jew tal-logħob tal-azzard

  • assoċjati mill-qrib jew organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija ta' donaturi pprojbiti.

Donazzjonijiet politiċi illegali

Ċerti donazzjonijiet politiċi huma illegali. Jekk persuna tagħmel jew taċċetta donazzjoni politika li hija illegali, il-persuna tista' tkun wettqet reat u tista' tiġi mħarrka mill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW f'qorti.

Eżempji ta' donazzjonijiet politiċi illegali jinkludu:

  • donazzjonijiet fil-forma ta' flus kontanti 'l fuq minn $100. Donazzjonijiet politiċi 'l fuq minn $100 għandhom isiru b'mod elettroniku jew b'ċekk

  • donazzjonijiet politiċi anonimi

  • donazzjonijiet minn donaturi pprojbiti

  •  donazzjonijiet li jaqbżu l-limiti tad-donazzjoni.

Żvelar ta' donazzjonijiet politiċi

Persuna li tagħmel donazzjoni politika rapportabbli tissejjaħ donatur politiku maġġur. Donaturi politiċi maġġuri għandhom jiżvelaw id-dettalji tad-donazzjonijiet politiċi li jagħmlu, lill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW. Żvelar ta' donazzjonijiet politiċi rapportabbli għandu jsir kull sena wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Informazzjoni dwar kif tagħmel żvelar tinstab fuq il-websajt tagħna.

Partiti politiċi, membri eletti, kandidati, u parteċipanti elettorali oħra għandhom ukoll jiżvelaw id-donazzjonijiet politiċi li jagħmlu u li jirċievu. Żvelar magħmul minn donaturi politiċi maġġuri jgħin biex jikkonferma l-eżattezza ta' dak li jkunu żvelaw il-partiti politiċi, il-kandidati u parteċipanti elettorali oħra.

Il-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW hija meħtieġa bil-liġi li tippubblika l-iżvelar kollu li sar, fuq il-websajt tagħha għat-trasparenza.

Ikkuntatjana

Jekk għandek xi mistoqsijiet, ikkuntattjana fuq 1300 022 011 jew bl-email fuq fdc@elections.nsw.gov.au. Jekk għandek bżonn interpretu, ċempel lil TIS National fuq 131 450 u staqsihom biex iċemplu lill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW fuq 1300 022 011.